Ħamsin sena mit-tmiem tal-interdett f’pajjiżna, is-saċerdot Ryan Lee Pace ħareġ b’attakk personali fil-konfront ta’ Yvonne Micallef Stafrace, mart l-Avukat Joe Micallef Stafrace għax irrakkontat ma’ ONE News li kellha tiżżewweġ ġos-sagristija u mhux fil-Knisja.
Dan għax żewġha spiċċa interdettjat għax kien fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Madankollu, ħamsin sena wara, is-saċerdot żagħżugħ Ryan Lee Pace għorkitu għajnu b’dan ir-rakkont imqanqal tal-familja Micallef Stafrace u dlonk qabad jikkummenta bl-aktar mod personali fuq il-koppja u fuq binthom.
Filfatt, wara li l-Ministru Evarist Bartolo kkumenta dwar din l-istorja, is-Sacerdot Pace qal li Micallef Stafrace missha ma tkellmitx għax bħalissa qed tgħix f’dar tal-anzjani tas-sorijiet.
“Is-Sinjura Yvonne Micallef Stafrace missha tirringrazzja lill-Knisja li fil-mument tal-bżonn hi u żewġha sabu s-sorijiet Dumnikani li laqgħuhom f’Dar Santa Katarina u qed iduru bihom”, qal is-Saċerdot.
Dan ma kienx biżżejjed u f’kumment ieħor sejħilha ingrata.
“U wkoll insiet issemmi li bithom ħadet l-edukazzjoni minn idejn is-sorijiet u tas-Sacred Heart fi skejjel tal-Knisja. Imma dan kollu nsejnih! X’ingratitudni!”, kiteb is-saċerdot.
Madankollu jidher li fis-sigħat li għaddew għalaq il-profil fuq Facebook.
Din ma kinitx l-ewwel darba li dan is-saċerdot spiċċa f’nofs kontroversja. Is-sena l-oħra ħadha qatta’ bla ħabel fil-konfront ta’ mara li tilfet ħamest itfal fuq perjodu t’għaxar snin minħabba kundizzjoni rari. Dakinhar huwa kien saħansitra allega li l-istorja kienet ffabbrikata u li kellha l-intenzjoni biss biex tagħmel ħsara lill-Knisja f’Malta.