Sigħat biss wara li l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista vvotat b’mod unanimu biex l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista, l-eks Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Beppe Fenech Adami ħarġu kontra din id-deċiżjoni.
#notinmyname #strongertogether
— Mario de Marco (@TeamMDM) July 23, 2018
Kien l-eks-Viċi Kap Nazzjonalista Mario de Marco li għall-ħabta tal-10.00 a.m. fuq Facebook tella’ l-messaġġ Not In My Name. Dan b’referenza diretta għad-deċiżjoni tal-amministrattiv li jappoġġja lill-Kap Adrian Delia fis-sejħa tiegħu li l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Partit.
Id-dikjarazzjoni ta’ Mario De Marco sabet l-appoġġ ta’ bosta deputati Nazzjonalisti fosthom Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.
Iżda dan mhux biss hekk kif matul il-jum aktar deputati komplew joħorġu l-istqarrijiet tagħhom kontra d-deċiżjoni fosthom Ann Fenech, Claudio Grech u Marthese Portelli.
Mill-banda l-oħra l-eks Ministru Nazzjonalista u deputat Carm Mifsud Bonnici, l-eks Segretarju Parlamentari Mario Galea u d-deptuat Nazzjonalista Kristy Debono ħarġu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-kap Nazzjonalista biex Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista. Dan wara l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja sabet li l-kumpanija Egrant ma kinitx tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ martu Michelle Muscat.