Fl-aħħar jiem feġġet qasma oħra fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wara li l-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-istess Partit ippubblika stqarrija mingħajr l-approvazzjoni tad-deputati konċernati.
Dan ħareġ fil-gazzetta KullĦadd li żvelat id-diżgwid intern li nqala’ f’Tal-Pietà rigward stqarrija dwar is-settur tal-propjetà.
Il-kwistjoni bdiet wara li esponenti għolja fi ħdan il-Partit Nazzjonalista riedu li joħorġu stqarrija dwar artiklu li kien ippubblikat f’‘The Malta Independent’ ta’ intervista li saret lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li eventwalment ħarġet mingħajr ma kienet iffirmata mid-deputati konċernati riedet timxi fuq l-impressjoni li ngħatat fit-titlu oriġinali tal-artiklu. Il-Partit Nazzjonalista dawwar it-titlu oriġinali ‘Many young couples opting to buy 2 properties, not 1 – Housing Authority CEO’. Madanakollu, t-titlu naqas milli jsemmi li d-dikjarazzjoni ta’ Zerafa kienet imsejsa fuq statistika u informazzjoni uffiċjali. Kawża t’hekk il-pubbliku ġie żgwidat mhux ftit u feġġet kritika mhux ġustifikata.
Tant hu hekk, li l-artiklu inbidel ftit tal-ġranet wara biex sar jaqra ‘Data shows many young couples opting to buy two properties, not one – Housing Authority’.
Però, skont is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd, dawk fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista xorta waħda riedu li jirkbu fuq it-titlu oriġinali anke jekk dan kien qed żgwida dak li verament intqal fl-intervista li saret.
Iżda meta t-tmexxija Nazzjonalista ġiet biex tippubblika din l-istqarrija li nkitbet minn persuni għolja f’Tal-Pietà u talbet il-firma tad-Deputati konċernati mis-settur, spiċċat sabet reżistenza kbira mid-deputati nfushom. Dan hekk kif id-Deputati kienu konxji li l-artiklu inkwistjoni kien żgwida sew lill-pubbliku u b’hekk ma ridux li jirkbu fuq dak li nkiteb u wrew reżistenza.
Sorsi li tkellmu mal-KullĦadd qalu li d-deputati mitkellma biex japprovaw din l-istqarrija kienu Ivan Bartolo, li hu x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Albert Buttigieg li hu x-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali u Bernice Bonello, Shadow Minister għaż-Żgħażagħ. L-istess tliet deputati li fil-11 ta’ April kienu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista fuq materja simili.
S’issa għadu mhux magħruf min minn dawn it-tliet Deputati, wera din ir-reżistenza, jew jekk kienux it-tliet Deputati kollha f’daqqa.
Madankollu minkejja din ir-reżistenza, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għaddiet romblu minn fuq id-Deputati tagħha u xorta waħda ppubblikat din l-istqarrija mingħajr il-barka tagħhom. Però it-tmexxija għamlet dan mingħajr ma’ nkludiet il-firma tad-Deputati inkwistjoni.
Kien dan id-dettall li qajjem mistoqsijiet serji anke fost ħafna persuni fid-Dar Ċentrali, tant li sors partikolari spiċċa tkellem ma’ din il-gazzetta.
Dan kollu jikxef il-mod li l-Partit Nazzjonalista jaħdem bih. Politika tas-suppervja anki bejn id-deputati responsabbli mill-oqsma tagħhom u t-tmexxija tal-Partit.