Tnediet ir-raba’ edizzjoni tal-Qaritona nazzjonali bil-għan li jinġabru fondi biex jinxtara apparat għal tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtużmu u li għandhom limitazzjoni bil-komunikazzjoni verbali, u għalhekk permezz tat-teknoloġija se tkun qed toħroġ l-intelliġenza u t-talenti ta’ dawn it-tfal.
Matul ix-xahar ta’ Marzu kull skola f’Malta u Għawdex se tkun qed tħeġġeġ tfal, anke lil dawk li l-ktieb mhux il-ħabib tagħhom, sabiex jaqraw u b’mod indirett ikunu qed jgħinu lil tfal oħra.
Il-Malta Public Trasport se tkun ukoll qed iżżid l-għarfien permezz ta’ riklami fuq it-trasport pubbliku, li se jkunu qed iħeġġu għal aktar qari.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet illi l-qari jmur lil hinn mill-kitba fuq il-ktieb, imma wkoll iħeġġeġ lit-tfal biex ikunu aktar kreattivi.
Il-Ministru Caruana qalet, “Aktar ma t-tfal tagħna jaqraw, aktar jikbru bħala potenzjal akkademikament u jkunu aktar kreattivi u ovvjament jistimulaw aktar il-ħsieb.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmiet żewġ valuri li qed toffri din l-inizjattiva.
Hija stqarret: “L-ewwel nett li ninkoraġixxu t-tfal jaqraw biex jiksbu l-ħila tal-litteriżmu imma wkoll permezz ta’ dak il-qari qed jgħinu tfal oħra biex jew jikkomunikaw jew jaqraw.”
Il-Professur Charles Mifsud, iċ-Chairperson tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu qal illi l-pandemija affetwat l-iżvilupp tal-litteriżmu u għalhekk, kemm permezz ta’ din l-inizjattiva kif ukoll bi programmi oħra simili, jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-qari.
Huwa fisser: “L-inizjattiva hi li nixtru anke apparat lil tfal li forsi għandhom problemi ta’ komunikazzjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw u jaqraw.”