Raġel inħeles minn kull akkuża, wara li kien mixli li abbuża sesswalment lil ulied il-mara tiegħu.
Dan wara li mill-Qorti ħareġ li waħda mit-tfal kienet ivvintat dan kollu, u ġiegħlet lil oħtha ż-żgħira tigdeb, għaliex kienet irrabjata għar-raġel t’ommha għax tfielha l-internet.
Fil-Qorti ntqal kif it-tifla kienet tħossha mwarrba mill-missier bijoloġiku tagħha, u kienet ta’ sikwit tigdeb biex tgħaddi tagħha. Dan filwaqt li l-Pulizija kienu fetħu dan il-każ, wara rapport li sar mal-Aġenzija Appoġġ.
Wara li ż-żewġ bniet kienu xehdu fil-Qorti li r-raġel kien ikkorrompihom, huma xehdu li dan ma kienx minnu. Dan ġie wkoll verifikat minn psikjatra ordnat mill-Qorti u aktar evidenza.
L-omm xehdet fil-Qorti, kif hija ilha miżżewġa għal 9 snin, u r-raġel dejjem issapportja lilha u ‘l uliedha.
Intqal li t-tifla l-kbira li kellha 15-il sena, kienet qalet lil sħabha tal-iskola li hija abbużata mir-raġel t’ommha u li dan kien jittrafika d-droga.
Fil-Qorti ntqal li t-tifla, aktarx ma mmaġinatx li s-sitwazzjoni kienet se tiskala b’dan il-mod.
It-tifla qalet li r-raġel dejjem ħa ħsiebhom, iżda hi bdiet tħossha mwarrba meta ommha u hu kellhom tarbija.