Kienet aħbar xokkanti għal bosta segwaċi tal-grupp mużikali Linkin Park, meta l-aħbar dwar il-mewt tal-kantant Chester Bennington iddominat il-midja u l-pjattaformi tal-midja soċjali.
Kienu bosta artisti u kif ukoll segwaċi li espremew id-dieqa, id-dispjaċir u d-dwejjaq li kellhom għat-telfa ta’ Chester. Wara eluf u eluf ta’ messaġġi, kien imiss il-membri tal-grupp mużikali Linkin Park li jsemmgħu leħinhom dwar it-telfa tal-ħabib u membru tal-grupp, Chester.
F’messaġġ huma qalu:
“Qalbna tinsab maqsuma. Għadna ma nistgħux naċċettaw din it-telfa, la aħna u lanqas familtna, fejn għadna qed nippruvaw naċċettaw x’ġara.
Missejt ħafna ħajjiet, forsi aktar minn kemm kont taħseb. F’dawn l-aħħar jiem, rajna ħafna mħabba u appoġġ, kemm b’mod pubbliku u kif ukoll privatament, minn madwar id-dinja. Talinda u l-familja japprezzaw dan kollu, u jridu li d-dinja kollha tkun taf li int kont l-aqwa raġel, tifel u missier; il-familja qatt m’hi se tkun l-istess mingħajrek.
Meta tkellimna miegħek dwar is-snin li ġejjin, l-eċitament li kellek kien wieħed li jittieħed. It-telfa tiegħek se tħalli vojt kbir li qatt ma jista’ jintela’ – persuna ambizzjuża, kreattiva, ċajtiera u persuna ġeneruża mgħadiex magħna. Qed nippruvaw infakkru lilna nfusna li d-dimonji li ħaduk minn magħna kienu minn dejjem parti mill-ftehim. Wara kollox, kien propju l-mod ta’ kif kont tkanta dwar dawn id-dimonji li ġiegħlu lil kulħadd iħobbok. Ma kontx tistħi titkellem dwarhom, u permezz ta’ hekk, ingħaqadna iktar u għallimtna kif aħna bnedmin tad-demm u l-laħam. Kellek qalbek tad-deheb.
L-imħabba għall-mużika u l-mod ta’ kif konna nesebixxu l-imħabba tagħna għall-mużika mas-segwaċi tagħna, qatt mhi se tintefa’. Għalkemm għadna ma nafux x’se jġib miegħu l-futur, nafu li ħajjitna marret għall-aħjar grazzi għalik. Inħobbuk, u nħossu n-nuqqas tiegħek.
Sakemm nerġgħu niltaqgħu,
LP.”