Jum mistenni ħafna għal Maltin b’mod partikolari għal dawk li fl-aħħar ġimgħat segwew mill-qrib it-thejjijiet tal-kantanta Ira Losco għal Eurovision ta’ din is-sena. Żgur li se jkunu dawk l-eluf imwaħħla quddiem it-televixin biex jagħtu s-sapport tagħhom lill-Maltija.
Ħafna minn dak li se jiġri jiddependi mill-prestazzjoni li se tagħti llejla meta tieħu sehem fl-ewwel semifinali, meqjusa bħala l-aktar waħda diffiċli.
Bil-kanzunetta “Walk on Water” fit-18-il post, il-kantanta Maltija mistennija tidher b’libsa libsa sewda mħallta b’kulur id-deheb u b’kuda twila. Fuq il-palk magħha se jakkumpanjaha ż-żeffien Skorpion.
Il-qofol tal-istennija tal-lejla jintlaħaq mat-tħabbira tar-riżultati tal-għaxar pajjiżi minn 18 li se jaslu għas-serata finali ta’ nhar is-Sibt li ġej.
Minn din is-sena, il-voti tal-ġurija u dawk tat-‘televoting’ se jkunu preżentati separatament. Sistema ġdida li mistennija żżid it-trasparenza u li fi kliem l-organizzaturi stess, toħloq livell ġdid ta’ eċitament għal aktar minn mitejn miljun spettatur li jsegwi dan l-ispettaklu ta’ kull sena.
Bla dubju li fost il-kontroversji, aspett sabiħ ta’ dan il-festival huwa li jgħaqqad popli u kulturi differenti flimkien u biex almenu darba f’sena ningħaqdu wkoll bħala poplu wieħed.
Min-naħa tagħna, nittamaw li pajjiżna jirnexxielu jagħmilha għall-finali. Awguri Ira!