Meta l-Erbgħa filgħaxija l-kumitat għall-kontijiet pubbliċi kompla jiddiskuti l-esproprjazzjoni tal-art tal-Fekruna għal aktar minn €4 miljun lil sid ta’ stabbiliment, kien imiss li jixhed is-sid innifsu, Raymond Vella.
Fix-xhieda tiegħu Vella kkonferma li għall-art tal-Fekruna ngħata żewġ artijiet, waħda fis-Swieqi u oħra f’San Ġwann. F’San Ġwann ikkonferma li biegħ numru ta’ plots li ttelgħu vilel u qala’ €3 miljun.
Nervuż u anki xi kultant ġibdulu l-attenzjoni kemm semma l-flus u l-interess tan-negozju tiegħu, is-Sur Vella sabha bi tqila jgħid jekk saru l-accounts tal-kumpanija tiegħu Fekruna Ltd.
Tant li kellu jintervjeni l-avukat tiegħu biex Vella ma jinkriminax lilu nnifsu.
Fl-istess kumitat is-Sur Vella, li bil-ftehim li sar miegħu fi żmien l-eks Ministru Nazzjonalista Jason Azzopardi t-tax payer Malti seta’ franka fuq miljun ewro, qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista kulħadd kien jiżviluppa bla skrupli.
Għal mistoqsija tad-deputati fuq in-naħa tal-Gvern dwar kif dan il-ftehim sar erbat ijiem qabel l-elezzjoni tal-2013, is-Sur Vella kkonferma li beża’ li se tinqaleb il-folja.
Sadanittant taħt ġurament spikkat l-iskumdità li biha tkellem is-Sur Vella li anki spiċċa ffaċjat minn affarijiet mhux veritieri li qal u ġie kkonfrontat mill-Awditur Ġenerali.
Dan filwaqt li għal ħafna drabi sostna “ma nafx”.