Waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali ma’ Saviour Balzan, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-emenda legali mressqa mill-Gvern titkellem fuq terminazzjoni tat-tqala fejn l-omm tkun qed tbati minn kumplikazzjoni mediċi li jpoġġuha f’periklu li titlef ħajjitha jew fejn saħħet il-mara tkun f’periklu gravi.
“Assolutament mhux qed nidħlu la mit-tieqa u lanqas mill-ventilatur biex indaħlu l-abort,” irrimarka b’mod ċar il-Prim Ministru f’intervista ta’ siegħa li fiha ta t-tweġibiet tiegħu fuq diversi temi.
Dr Abela spjega li l-każ ta’ Prudente għal darb’oħra wera nuqqas fil-qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna li, minkejja li kien hemm prassi li kienet ilha titwettaq għal numru ta’ snin, il-qafas leġiżlattiv kien sieket dwaru.
Innota kif il-Konvenzjoni Ewropea tgħid b’mod ċar li d-dritt tal-ħajja tal-omm jipprevali fuq kull ħaġa oħra u li l-Istat irid jaħseb b’qafas leġiżlattiv li jħares dan.
“L-Avukat tal-Istat qalilna li jekk it-tobba se jintervjenu biex jitterminaw tqala, anki jekk għandhom raġunijiet leġittimi, ma hemm xejn fil-Kodiċi Kriminali li jeżentahom mir-responsabbiltà tal-ksur tal-liġi kif inhi,” spjega l-Prim Ministru hu u jaċċenna fuq il-ħtieġa ta’ din l-emenda legali biex jiġu protetti t-tobba li jaġixxu biex isalvaw ħajja, u wkoll lill-omm, biex ma jkunux esposti għal proċeduri kriminali.
“Kif stajt ma nirreaġixxix u nressaq emendi leġiżlattivi u nħalli ħajjet mara potenzjalment tintilef?” staqsa l-Prim Ministru.
Mistoqsi dwar l-ewtanasja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-pajjiż irid jiddiskuti u finalment jiddeċiedi dwar dan is-suġġett.
Saħaq li, għall-kuntrarju, għandna Kap tal-Oppożizzjoni li ma jridx jiddiskuti, lanqas fuq dan is-suġġett.