6,000 kilometru minn naħa għall-oħra tal-Atlantiku.
Din hija l-isfida għandu quddiemu l-Atleta Malti Steve Chetcuti u t-tim tiegħu hekk kif fl-ewwel ta’ Marzu ser ikunu qed jaqsmu l-Atlantiku mill-Portugall sa French Guyana fl-Amerika t’Isfel fuq dgħajsa tal-qdif.
Din l-isfida Chetcuti daħlilha wara li ħuh, Mike, tilef il-battalja mal-kanċer fil-moħħ madwar 3 snin ilu, u l-fondi kollha li se jinġabru se jmorru għand Hospice Malta.
Huwa stqarr: “Qegħdin tim ta’ 5 inkluż jien ovvjament u l-iskop ta’ din l-avventura hija li jinġabru l-fondi għall-Hospice u dan anke qed nagħmlu fil-memorja ta’ ħija. Ħija miet eżatt 3 snin ilu, miet b’kanċer tal-moħħ brain tumor u l-Hospice tawni ħafna għajnuna u xtaqt b’xi mod ngħidilhom grazzi tal-għajnuna u nirreċiproka.”
Steve aċċenna wkoll għall-isfidi li se jkunu qed jaffaċċjaw quddiem matul din l-avventura hekk kif ser jippruvaw jiksru r-rekord li jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-oċean f’inqas minn 48 jum.
F’din l-isfida kull qaddif huwa stmat li se jitlef 6,000 kalorija kuljum biex sa tmiem l-isfida jitilfu 7kg. Mistenni wkoll jiltaqgħu ma’ baħar xejn sabiħ hekk kif mistennijja jaffaċċjaw mewġ għoli anke 10 metri.
Chetcuti sostna: “Dak li ħa nagħmlu huwa sagħtejn qdif u żewġ sigħat nagħmlu affarijiet oħra, norqdu, nieklu, nirranġaw affarijiet, blogging u affarijiet hekk. Ħa nagħmlu 12-il siegħa kuljum ta’ qdif allura that in itself hija xi ħaġa challenging u dan nisperaw li għal 48 ġurnata imma jista’ jkunu aktar minn 55 jew 60 ġurnata.”
Steve appella mal-pubbliku sabiex kulħadd jgħin bil-mod tiegħu, u spjega li anke kif tista’ tingħata d-donazzjoni.
Huwa fisser: “Ftaħt sit elettroniku għal din l-isfida crossrower.ch. Hemmhekk hemm il-logo tal-Hospice fejn in-nies jistgħu jikklikkjaw fuqha u jagħmlu donations kemm iridu.”