Id-disgħa ta’ filgħodu f’jum tipiku xitwi.
Skiet itarrax fiċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, f’Ħaż-Żebbuġ.
Jikser l-iskiet, il-ħoss tal-ħabel tal-bandiera Maltija mezzasta, iħabbat mal-arblu.
Mill-Kappella taċ-Ċentru ta’ San Blas, fejn il-Ġimgħa ġie espost għall-qima, ħareġ mir-residenti stess għall-aħħar darba Dun Victor Grech.
Il-post fejn Monsinjur Grech qatta ‘l biċċa kbira minn ħajtu, fejn b’għożża u imħabba kbira għen biex jagħti lura l-ħajja lil diversi persuni li ġew bżonn is-servizzi tal-Caritas.
U t-tama ta’ Monsinjur Grech dehret f’għajnejn ir-residenti ta’ din l-istess residenza, li għalkemm kellhom ix-xita traxxax fuqhom, ma waqfithomx milli juru l-gratiduni lil dak li għalihom iqisuh bħala missier.
B’ċapċipa twila, u tfigħ ta’ fjuri fuq it-tebut ta’ Monsinjur Grech, ir-residenti ta’ San Blas taw l-aħħar tislima lill-fundatur tal-Caritas Malta.
B’għajnejhom miksurin, kulħadd kellu kelma waħda fuq fommu “rispett”.
Bil-kuraġġ u determinnazjoni, ir-residenti daru ma’ Dun Victor Grech biex għal aħħar darba jitolbu miegħu.
Biex għal aħħar darba, Dun Victor Grech ħareġ minn dik li bdiet ħolma.
Ħolma li salvat ħajjiet u salvat familji.
Binja, li se tibqa l-legat b’saħħtu ta’ Dun Victor Grech.
Is-sens ta’ dieqa, dwejjeq għat-telf ta xi ħadd li kull ma ried huwa ġid, inħasset f’wiċċ ir-residenti li tilfu issa lil xi ħadd li jħobbu.
Minn hemm, il-korteo funebri qabad triqtu lejn il-Knisja Parrokjali ta’ Marija Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ.
Il-post, fejn Monsinjur Grech, għal diversi snin, kien jikkonċelebra l-quddies, u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, kien ukoll jgħix hemmhekk.
U dan ġie anke rikonoxxut mill-istess parroċċani, li laqgħu lill-Monsinjur b’xita ta’ fjuri mitfugħin mill-erba’ rkejjen ta’ biswit il-Knisja.
L-apprezzament ta’ Dun Victor deher ukoll f’kartellun kbir bil-kliem “Grazzi Dun Victor”.
Fuq fomm kulħadd, kliem ta’ tifħir minn għadd ta’ parroċċani li ddeskrivewh bħala “Qaddis jgħix fostna”.
Iċ-ċapċipa dwiet ma’ din il-parroċċa żgħira, iżda kbira fl-imħabba li kellha lejn il-Monsinjur tal-qalb.
Tislima, xhieda ta’ mħabba u rispett li l-parroċċani kellhom lejh.
Il-Kappilan tal-Ibraġġ sellem il-memorja tal-Monsinjur permezz tas-silta mill-Evanġelu skont San Luqa.
“Inti kont għallina, għal din il-parroċċa, għal pajjiżna ta’ dawl, il-kliem tiegħek mimli ħlewwa. Il-kelma ta’ kuraġġ. Aħna irridu nirringrazzjawk f’isem il-parroċċa għażiża li tajt servizz mill-qalb. Il-kommunita kollha tirringrazjak ta kemm smajt qlub li ġew iferraw ruħhom għandek”.
Brian Gialanze – Kappilan tal-Ibraġġ
Is-Sliem Monsinjur, grazzi ta’ kollox.