Tim ta’ seba’ qaddiefa żgħar mill-Klabb tal-Qaddiefa ta’ Birżebbuġa rritornaw mill-Bourgas International Week 2021. Huma kienu akkumpanjati mill-Kowċ tagħhom Ivan Vasilev, flimkien mal-ġenituri tagħhom.
Dan it-tim kellu opportunità li jitħarreġ ħamest ijiem qabel dan l-avveniment. Għal uħud minn dawn il-qaddiefa dan l-avveniment serva ta’ preparazzjoni għall-Kampjonati Ewropej.
B’kollox ħadu sehem 100 dgħajsa, li ħadu sehem f’seba’ tlielaq differenti.
Il-qaddiefa tal-Klabb ta’ Birżebbuġa kklassifikaw ma’ l-aqwa ħamsin. Zane Attard rebaħ il-kategorija tas-Subien iż-Żgħar, Sasha Nagrudnaya kklassifikat fit-Tielet post tal-kategorija tal-Bniet iż-Żgħar, filwaqt li Emily Fenech ġiet fit-Tielet post fil-kategorija tal-Bniet il-Kbar.
Il-qaddiefa Thomas Zahra, Liam Cutajar u l-aħwa Isaac u Jacob Azzopardi wkoll kellhom prestazzjoni tajba.
F’Ġunju li ġej il-qaddiefa tal-Klabb ta’ Biżebbuġa se jieħdu sehem fl-Optimist European Championships.