Fl-aħħar tmien snin pajjiżna ra titjib qawwi fis-sitwazzjoni ekonomika tal-mara.
Dan ħareġ minn analiżi li għamlet il-gazzetta Kullħadd fejn tat ħarsa lejn ċifri li juru kif politika femminista ta’ Gvern Laburista wasslet biex nisa ta’ bejn il-25 u d-49 sena beda jkollhom rati ta’ impjiegi aqwa mill-medja Ewropea. Fil-fatt fl-2018 r-rata f’pajjiżna kienet ta’ 75%. Punt perċentwal aktar mill-medja Ewropea.
Dan b’differenza għar-rati tal-2012 fejn f’Malta l-ammont ta’ nisa fl-impjieg kien ta’ 61%. 10% anqas mill-Medja Ewropea.
L-ammont ta’ nisa b’edukazzjoni terzjarja wkoll laħaq il-medja Ewropea u huwa ta’ 46%. Ġie nnotat ukoll li waqt li l-ammont ta’ nisa jaħdmu żdied b’aktar minn 60% mill-2012 lil hawn, in-nisa f’pożizzjonijiet professjonali u/jew maniġerjali żdiedu b’75%. Dan filwaqt li n-nisa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqsu għal ftit iktar minn 20% fl-2017. Tnaqqis drastiku meta mqabbel ma’ kważi 26% fl-2013.
Ir-rata ta’ nisa b’ċaħda materjali severa niżel għal inqas livell tagħha fl-2018, b’livell ta’ 3.4%. Dan b’differenza għal ħames snin qabel fejn ir-rata kienet taqbeż l-10%.
Bejn l-2012 u s-sena li għaddiet il-paga medja tal-mara Maltija żdiedet minn €14,000 għal €18,000.
Il-gazzetta Kullħadd innotat ukoll kif filwaqt li dawn ir-rati fil-qasam tax-xogħol u l-edukazzjoni huma pożittivi ħafna, ir-rati ta’ rappreżentanza femminili fil-Parlament għadhom baxxi sew. Mankanza li ser tkun indirizzata permezz tal-liġi proposta li ser tkun qed tintroduċi miżuri pożittivi neċessarji u raġjonevoli għal dan il-għan.