Minn jaf kemm jittieħdu deċiżjonijiet fi sferi differenti tal-ħajja u għalkemm ikolli opinjoni dwarhom ma ngħaġġilx biex nikkummenta pubblikament.
Mhux għax m’għandiex dritt jew b’xi sens ta’ biża’.
Iżda, b’sens ta’ responsabbiltà.
Inkun irrid inkun mgħarraf bil-fatti qabel opinjoni nesprimiha pubblikament, f’dan l-ispazju, facebook jew twitter.
Għax meta tikteb online, inkluż fil-midja soċjali, ma tkunx qed tgħid kelmtejn għand ommok wara xi ikla fenek il-Ħadd wara nofsinhar.
Donnu din hawn ħafna ma jistgħux jifmuha. Inkluż persuni pubbliċi. Fosthom uħud li jirrapprezentawna (jew jaspiraw) fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Oħrajn huma ċittadini normali, bħali, iżda li xorta waħda l-kelma tagħhom iġorr ċertu piż.
Mhux se nidħol f’każi partikolari. Jekk ikolli nagħti l-eżempji nsib biżibilju.
Pero rajt inkonsistenzi komuni f’iktar minn każ wieħed. Bħal meta ħafna jitkellmu dwar ħatriet.
“Issa bdejna niggvernaw,” kiteb xi ħadd li nzertat għoġbitu ħatra partikolari.
Possibbli kumment bħal dan?
Il-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat beda jiggverna mal-mument li daħħal ħemel ta’ miżuri bħaċ-child care b’xejn, il-garanzija għaż-żgħażagħ u t-tnaqqis fit-taxxa fost oħrajn. Gvernajna u qed niggvernaw għax dan qed naraw il-frott tiegħu. Bl-inqas qgħad fl-Ewropa u bl-ikbar tkabbir ekonomiku.
Għax qed niggvernaw u qed niggvernaw tajjeb għandna l-iktar gvern fdat fl-Ewropa.
Oħrajn malajr jikkummentaw ma’ ħatra biex jgħidu li għad hemm wisq tal-oħrajn f’karigi sensittivi u jagħmlu l-ħsara.
Pero mbagħad meta tħares lejn il-ġenb ta’ facebook tagħhom tinduna li huma wkoll qegħdin f’xi kariga sensittiva. X’aktarx fdati biha fl-aħħar snin.
Lil dawn nappelalhom biex minflok ikollhom moħħhom f’ħaddieħor jieħdu ħsieb li jagħmlu tajjeb dak fdati bih huma.
Ħa nkun ċar. Miniex xi wieħed minn dawk li jemmnu li sar kollox tajjeb. Miniex ngħid li m’hemmx inġustizzji li jridu jissewwew (mal-mijiet li diġa’ ssolvew). Miniex ngħid li ma kienx hemm deċiżjonijiet li setgħu kienu aħjar.
Iżda, kull darba li naħseb dwar dan inpoġġi sieqi fiż-żarbun ta’ min ikun iddeċieda u nipprova nifhem. Filwaqt li meta niftakar kemm pajjiżna mexa l-quddiem, kif il-pensjonanti (eluf) żdiedu għall-ewwel darba, kif mijiet ta’ nisa reġgħu ħarġu fid-dinja tax-xogħol, kif familji frankaw mijiet ta’ ewro fis-sena bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u ħafna affarijiet oħra ngħażel li jekk għandi ngħid xi ħaġa tkun meqjusa u li tgħamel sens. Biex nappoġġja lil min f’dan il-pajjiż qed iwettaq l-ikbar ġustizzja. Dik soċjali!