Tletin sena ilu, sewwa sew fid-9 ta’ Novembru tal-1989, id-Dinja demokratika ċċelebrat il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Ħajt li fired familji sħaħ u ġenerazzjonijiet sħaħ. Ħajt li kien jissimbolizza l-gwerra bierda bejn iż-żewġ superpotenzi ta’ dak iż-żmien, L-Istati Uniti tal-Amerika fuq naħa u l-Unjoni Sovjetika fuq in-naħa l-oħra.
Il-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin kienet issiġġilat it-telfa tal-Komuniżmu u fetħet beraħ it-triq għas-suq liberu u għall-globalizzazzjoni. Issa ċ-ċittadini Ewropej imtlew bit-tama ta’ futur aħħar, ‘il bogħod mill-fruntieri, mid-diffidenza u mill-iżolazzjoni. Fuq kollox, il-ħolma tal-integrazzjoni setgħet issir realtà. Mhux ta’ b’xejn saru dawk iċ-ċelebrazzjonijiet kollha! U bix-xieraq!
Iżda l-bniedem jipproponi u l-ekonomija tiddisponi.
Ir-riċessjoni, l-awsterità u l-kriżi finanzjarja tal-aħħar deċenji ddivoraw is-sens ta’ fiduċja li kellhom iċ-ċittadini Ewropej fl-1989. Tletin sena wara għandna stampa politika totalment differenti fejn żdiedu sew il-pajjiżi Ewropej li lesti jiddefendu l-interessi tagħhom l-ewwel u qabel kollox. Reġa’ inħass il-bżonn tal-fruntieri u tal-protezzjoni tal-pajjiżi mill-influss ta’ immigranti llegali li qed ifittxu ħajja aħjar fil-kontinent il-qadim.
Il-mexxejja u partit populisti qed iżidu fil-popolarità u fl-appoġġ b’detriment għal dawk il-valuri ta’ demokrazija u aċċettazzjoni li l-Ewropa nbniet fuqhom mat-tmiem tat-tieni gwerra dinjija.
Qed jiġi dejjem aktar imrewwaħ il-fenomenu tal-immigrazzjoni illegali li qed iwassal għal sentimenti mibegħda razzjali.
U f’dan l-isfond ta’ taqlib u tibdil, l-Unjoni Ewropeja se jkollha Kummissjoni ġdida taħt it-tmexxija tal-kummissarju Ursula von der Leyen.
U r-responsabbiltà ta’ din il-Kummissjoni l-ġdid hija ferm akbar minn dik ta’ qabilha.
Għas-sempliċi fatt li trid taċċerta li l-Ewropa ma tibqax aktar gallarija u titkellem biss biex tirreaġixxi għall-ġrajjiet li qed inaqqru l-ispirtu Ewropej.
Biex tibqa’ kredibbli, l-Ewropa trid tneħħi t-track suit u minflok toqgħod fuq il-pankina tar-riżervi tilgħab rwol aktar ċentrali fil-ħajja taċ-ċittadini tagħha.
Iż-żmien li l-Ewropa tibqa’ b’idejn marbuta għadda u mar.
Hemm bżonn Ewropa li telimina l-burokrazija, l-iskużi u d-double standards li qed jirrabjaw tant ċittadini.
Jeħtieġ Ewropa aktar snella u effettiva biex timla’ ċ-ċittadini tagħha b’dik il-fiduċja meħtieġa f’ordni ekonomiku u soċjali ġdid li jiggarantixxi ħajja ta’ tama u ta’ opportunitajiet indaqs lil kull ċittadin Ewropew.