Ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġi mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali fil-konfront tal-klieb li traqdu bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena minħabba allegatament imġiba aggressiva severa tal-klieb.
Dan ħareġ minn investigazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali fuq talba tal-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali f’Awwissu li għadda.
Liema rapport investigattiv ġie ppubblikat mill-istess Kummissjoni.
ONE News tkellem mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina, li saħqet li l-Kummissjoni għamlet ir-rakkomandazzjonijiet dwar każijiet simili għall-futur: “Il-konklużjoni kienet li d-Direttorat mexa mal-proċedura kif kienet stabbilita qabilhom, jiġifieri l-management ta’ qabilhom stabilixxa din il-proċedura u huma mxew magħha kif fil-fatt kienu obbligati illi jagħmlu. Però, meta studjajna x’inhi din il-proċedura sibna illi fejn ikun hemm improvement, għamilna għaxar rakkomandazzjonijiet fosthom illi qabel jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet għandu dejjem jiġi kkonsultat behaviourist.”
L-investigazzjoni eżaminat ukoll l-opinjoni pubblika u anke kkonsultat ma’ esperti fil-qasam li taw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għall-aħjar prattiki.
Intqal ukoll li l-Kunsill tal-Kirurgi Vetenirarji intalab sabiex jinvestiga lill-Kirurgu Veterinarju tad-Direttorat.
Fil-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill ma sab ebda prattika jew kondotta ħażina jew ksur ta’ etika mill-kirurgu veterinarju inkwistjoni skont il-liġi dwar proċeduri tal-operat.
Il-Kummissarju Bezzina qalet ukoll li fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, id-Direttorat ħa fi ħdanu kważi tliet mitt kelb: “Id-Direttorat daħħal mal-270 kelb bħala rescues u traqqdu disgħa fuq bażi ta’ aggressjoni, jiġifieri dak hu r-ratio. Inti trid tikkunsidra li d-Direttorat sfortunatament jiġbor l-agħar tal-agħar każijiet għax dawn ikunu każijiet li ma jkunux sabu homes jew refuġju xi mkien ieħor, jiġifieri n-numru hemmhekk ta’ każijiet gravi se jkun aktar ikkonċentrat.”
Intant, ir-rapport tal-inkjesta wera li fix-xhur li għaddew sar titjib sinifikanti filwaqt li rrimarka li d-Direttorat għandu nuqqas ta’ riżorsi umani; għalhekk ikkonkluda li biex ikompli jsir it-titjib li sar, hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema fost riżorsi oħra.
Wieħed jista’ jaqra dan ir-rapport minn hawnhekk:
Ara wkoll: