Dawk kollha li għandhom drone f’pajjiżna issa jridu jirreġistraw lilhom infushom u jsegwu numru ta’ regoli ġodda li ser jidħlu fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru.
Dan wara li t-Tlieta filgħodu tħabbar qafas regolatorju ġdid għal din l-industrija emerġenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar kif kull persuna li għandha drone f’pajjiżna trid fost oħrajn tirreġistra ma’ Transport Malta. Dan permezz ta’ sistema online effiċjenti li ser tkun disponibbli għall-pubbliku mil-lum stess.
F’din ir-reġistrazzjoni dawk li għandhom drone ser ikunu wkoll qed jikklassifikaw id-drone tagħhom u l-użu tiegħu fi tliet kategoriji differenti.
Il-katergoriji huma l-kategorija miftuħa, kategorija speċifika u l-kategorija ċertifikata.
Dwar dawn it-tliet kategoriji tkellimna ma’ Analiza Abdilla li hija speċjalista dwar l-avjazzjoni fi ħdan Transport Malta.
Kellmitna l-ewwel nett dwar il-kategorija miftuħa.
Hija qaltilna: “Id-drones jistgħu jiżnu maximum ta’ 25 kilos f’din il-kategorija u hija maqsuma wkoll f’sub categories differenti skont kemm tista’ ttir viċin tan-nies. F’din il-kategorija trid iżżomm id-drone within a visual line of sight u ma tistax eżempju ttajjar affarijiet fuq id-drone tiegħek u żżomm ċertu maximum altitude li kif għidna fil-każ tal-EASA hija 120m madankollu fil-każ ta’ Malta peress li hija controlled air space żammejniha 60m.”