L-eks Deputat tal-‘Blue Heroes’, Jason Azzopardi, li għadu jiddetta l-aġenda fil-Partit ta’ Bernard Grech, kien ħa bħala sfida l-libell li kien fetaħlu s-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol.
Madankollu, il-proċeduri ta’ dan il-libell twaqqfu ħesrem wara li, fil-Qorti, l-avukat tal-għaqda Repubblika ammetta li l-akkużi serji li fajjar fil-konfront ta’ Spagnol ma kienu xejn għajr gidba ħoxna.
Minkejja dan, dakinhar li Azzopardi implika lil Spagnol li kien involut fi skandlu dwar il-permessi ta’ residenza fl-aġenzija Identità u s-Segretarju tal-Kabinett fetaħlu libell biex inaddaf ismu minn akkużi li ċaħad bl-aktar mod kategoriku, Azzopardi rritalja billi ħaxxen iżjed il-gidba tiegħu.
Fil-fatt hu kien saħansitra ħareġ fuq il-mezzi soċjali jisfida lil Spagnol, bil-kliem “Bravu. Prosit. Merħba.” biex, imbagħad, qallu “Għadek kemm ftaħt il-kaxxa ta’ Pandora. Niltaqgħu.”
F’kummenti oħrajn, l-eks Deputat Nazzjonalista wkoll għajjar lil Spagnol bħala “maħmuġ” u aġġettivi oħrajn, sakemm spiċċa jammetti li kien gideb mill-bidu sal-aħħar u anke talab skuża għal dak li, skontu, kien żball ġenwin.
Għajr għal din l-apoloġija, li ma ppubblikahiex u kellu jkun ONE News li jagħmel dan, Azzopardi kompla daqslikieku xejn ma ġara.
Fil-fatt, wara li ħarġet din l-aħbar, Azzopardi deher fuq żewġ programmi fl-istess jum, wieħed fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista u ieħor fuq il-mezzi soċjali tal-għaqda Repubblika, li jirrappreżenta.
F’dan tal-aħħar, Azzopardi kien qiegħed f’diskussjoni ma’ esponenti oħrajn tal-establishment Nazzjonalista, fosthom l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia.
Hu kien ukoll mistieden waqt il-progamm ‘Net Live’.
Fiż-żewġ okkażjonijiet, hu kompla jiddetta l-manuvri li għandu jieħu l-Partit Nazzjonalista fuq l-inkjesti, bħal dawk li instiga hu stess, iżda mkien ma rreaġixxa fuq il-gidba tiegħu żvelata ftit sigħat biss qabel.
Il-ħakma li Jason Azzopardi għad għandu fuq il-Partit Nazzjonalista, jikkonfermaha l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech innifsu.
Fil-fatt, bl-akkużi fil-konfront tas-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol pendenti, f’Settembru li għadda, Grech kien kkonferma li għadu jżomm kuntatt regolari ma’ Azzopardi.
Ġurnalist: “Meta kienet l-aħħar darba li tkellimt ma’ Jason Azzopardi?”
Grech: “Li tkellimt bil-fomm, naħseb xi darba kont sejjer il-Qorti għall-kawża tal-400 miljun u rajtu u sellimtlu, kien dieħel jew ħiereġ. Però bil-messaġġi naħseb il-ġimgħa l-oħra.”
Minbarra hekk, Grech kompla jgħid hekk dwar dak li, ftit aktar minn erba’ snin ilu, poġġih fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista …
“Jien naħseb li huwa riżorsa għall-pajjiż. Jason Azzopardi kien deputat u kien Ministru ta’ Gvern Nazzjonalista, kien riżorsa u asset għall-pajjiż u għall-partit u naħseb li għadu riżorsa għall-pajjiż.”
Bernard Grech, kap tal-PN