Il-ħidma tad-dwana kompliet tintensifika, u fil-ġimgħa ta’ Santa Marija interċettat tmint elef, tmien mija u sittin sigarett, u mija u sitta u għoxrin litru inbid tal-kuntrabandu.
Jidher li l-kampanja mid-Dipartiment tad-Dwana ħalliet l-effett mixtieq, hekk kif matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija, it-telefonati mill-pubbliku ma waqfu xejn.
Tul din il-ġimgħa, uffiċjali tad-Dwana aġixxew f’madwar erbgħin lokalità. Fosthom, f’Ħaż-Żabbar ġew elevati numru ta’ sigaretti minn ħanut tax-xagħar, f’Ħal Qormi numru ta’ sigaretti kienu qed jinbiegħu minn garaxx u f’okkażjoni oħra minn karozza. Fir-Rabat instabu sigaretti f’każin, u fil-Belt Valletta sigaretti tal-kuntrabandu kienu qegħdin jinbiegħu minn taħt il-bank f’confectionery.
Id-dwana fakkret li din l-attività hija reat kriminali serju, u appellat għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq 25685124 jew 25685200.