L-uffiċjali tad-Dwana reġgħu qabdu eluf ta’ ewro fi flus kontanti mhux dikjarati fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Fl-aħħar każ ilbieraħ, inqabdu mat-€23,000 fi flus mhux dikjarati.
Kien kelb tal-K9 li flimkien mal-uffiċjali mit-tim ta’ kontra l-ħasil ta’ flus qabdu żewġ passiġġieri li kienu sejrin lejn Istanbul fit-Turkija.
Mal-ewwel qam suspett fuq dawn iż-żewġ persuni u meta ġew mistoqsija dwar kemm qed iġorru flus, wieħed qal li kellu madwar €11,000 u ieħor saħaq li kellu inqas minn għaxart elef ewro.
Peress li l-uffiċjali ma kinux konvinti bit-tweġibiet ta’ dawn iż-żewġ persuni, l-uffiċjali tad-Dwana għamlu tfittxija u sabu li persuna minnhom kellu €11,875 u persuna oħra kellha €11,340.
Huma ġew immultati hekk kif skont il-liġi aktar minn €10,000 fi flus kontanti jew ċekkijiet għandhom jiġu dikjarati.