Fil-filmat t’hawn taħt tistgħu taraw ix-xena ta’ kull filgħodu fil-Pixkerija fil-Marsa, fejn is-sajjieda Maltin u Għawdxin idaħħlu minn kull xorta ta’ ħut frisk biex għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu jibda l-irkant tal-ħut.
Kmieni t-Tlieta filgħodu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri segwa mill-qrib il-bejgħ ta’ diversi tipi ta’ ħut fosthom siċċ, qarnit, klamari, mrejjen u xkal.
Joe Bugeja, Uffiċjal fil-Pixkerija qalilna li l-ħut jinxtara minn madwar tliet mitt xerrej irreġistrati mad-dipartiment. Ċifri li kiseb ONE News juru li matul is-sena li għaddiet madwar erba mitt sajjied biegħu bejniethom bi ħdax-il miljun f’ħut. Tliet miljun ewro minn dan il-bejgħ sar mill-Pixkerija.
Tul iż-żjara tiegħu fil-Pixkerija, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ltaqa’ ma’ bosta sajjieda u xerrejja li kienu għalenija jbiegħu l-ħut fosthom il-lampuka li din is-sena s-sajjieda baqgħu jistadu għaliha bis-saħħa tal-arranġament li ġab il-Gvern mal-Kummissjoni Ewropea.
L-attività fil-pixkerija ħadet spinta ’l quddiem wara li fl-2015, il-Gvern bena pixkerija ġdida fejn is-sajjieda jistgħu jħottu l-ħut ftit metri biss ‘il bogħod mill-pixkerija. Il-pixkerija hija tal-ogħla livell u għandha l-faċilitajiet kollha biex il-ħut jibqa’ ta’ kwalità għolja u jġib l-aħjar prezzijiet.
Is-sistema li titħaddem fil-pixkerija, tħares l-interessi tas-sajjieda, fosthom li jsir ħlas fil-pront għax-xogħol tagħhom. Il-pixkerija tassigura wkoll aktar traċċabilità tal-prodott, aktar trasparenza, u l-ogħla standards ta’ iġene.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li s-settur miexi tajjeb u l-Gvern se jkompli jsaħħu permezz ta’ riformi fejn jidħol ħut ieħor bħat-tonn u l-pixxispad bil-għan li s-sena l-ġdida tkun tkun sena ta’ suċċess għas-sajjieda Matlin u Għawdxin.