L-ewwel seba’ xhur tas-sena raw qabda rekord ta’ kokaina hekk kif l-awtoritajiet Maltin għamlu qabda ta’ żewġ tunellati u tliet mija u erbgħin kilo kokaina.
Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, il-qabda bbażata fuq sena kienet ta’ seba’ mija u tnejn u sittin kilo kokaina, bil-qabda ta’ din is-sena sa’ Lulju hija ta’ tliet darbiet aktar.
Ma’ ONE News, is-Supretendent tal-Pulizija li hu nkarigat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, Keith Arnaud qal kif il-ħidma tal-Pulizija tinvolvi proċess twil sakemm jiskatta l-proċess finali tal-operazzjoni tal-qabda tad-droga.
Spjega kif il-ħidma tibda billi tinkiseb informazzjoni kemm jekk mill-pubbliku, inteliġenza u anke informazzjoni ta’ oqsma tal-infurzar barranin. Minn hemm jiskatta l-proċess fejn wara ħidma ta’ sigħat twal u ġranet jintlaħaq il-qofol tal-operazzjoni.
Spjega kif tinvolvi wkoll proċess twil li jmur lil’hinn mill-qabdiet tad-droga, hekk kif permezz ta’ din il-ħidma jkunu qed jitnaddfu t-toroq mid-droga iżda saħansitra l-istess proċess ikisser gruppi ta’ kriminalitá organizzata.
Sostna kif fil-qabdiet raw żieda fl-assi tal-istess persuni involuti, fosthom żieda f’qabdiet ta’ flus u proprjetá.
Meta mistoqsi dwar x’kien il-mezz li raw li kien hemm l-akbar żieda fl-użu tiegħu matul dawn il-qabdiet, spjega kif raw żieda f’kull mezz kemm dak fuq il-baħar, bl-ajru u anke bil-posta.