Id-dwana ta’ Malta qabdet mat-€8,000 fi flus mhux iddikjarati minn passiġġier li kien se jsiefer minn pajjiżna għal Mitiga fil-Libja.
Din hi t-tieni qabda konsekuttiva ta’ flus mhux iddikjarati f’jumejn.
Il-passiġġier twaqqaf minn uffiċjali tad-dwana sabiex jiġu ċċekkjati l-ammont ta’ flus li kienu fuqu. Mistoqsi kemm kien qed iġorr flus fuqu l-ewwel qal li kellu €10,000 iżda malajr bidel il-verżjoni u qal li kien qed iġorr $6,000.
Minn tfittxija li saret fuqu nstabu total ta’ €18,903. Min din is-somma, €10,000 ingħataw lura lill-passiġġier bil-bqija jiġu kkonfiskati.
Il-passiġġier instab ukoll li kien jinsab f’pajjiżna illegalment hekk kif il-visa skadietlu iktar kmieni fi Frar.
Bil-każ ġiet infurmata l-iskwadra tal-ħasil ta’ flus fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
L-akkużat ġie arrestat u se jiġi mressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.