Qabda droga mid-Dwana Maltija ġiet ikklasifikata fost l-aqwa għaxar qabdiet mill-ajruporti tul l-2020. Dan skont studju annwali li ġie ppubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, li ta ħarsa lejn il-qabdiet fl-ajruporti fl-Ewropa.
Fil-każ ta’ Malta spikkat qabda li saret fit-13 ta’ Settembru tal-2020, wara li qam suspett fost l-uffiċjali tad-Dwana waqt scanning li kien qed isir fuq il-bagalji ta’ passiġġier li kien għadu kif wasal Malta minn Madrid.
Hawn instabu tliet pakketti ta’ droga kokaina, li kienu jiżnu mad-9.58kg.
Tul l-2020 kien hemm 765 każ marbuta mad-droga fl-ajruporti, u b’kollox, 6.9 tunnellati droga illegali twaqqfu milli jidħlu fis-swieq Ewropej u dinjin.
L-Olanda u Spanja jidher li kienu l-aktar destinazzjonijiet popolari għal min kellu d-droga fuqu.
Il-kokaina kienet l-aktar droga komuni f’dawn il-każijiet, hekk kif b’kollox kienu se jiġu traffikai 1.9 tunnellata tagħha minn u lejn swieq differenti. L-istudji wera wkoll li fl-aħħar kwart tal-2020 ġew arrestati numru kabir ta’ traffikanti tal-kokaina mill-Etjopja.
Fl-2020, aktar persuni pruvaw jittraffikaw raża tal-kannabis, u fil-fatt, il-qabdiet tagħha minn Spanja u l-Marokk biss żdiedu b’161%. Fl-2020 kien hemm rapport wieħed biss ta’ traffikar tad-droga eroina fl-ajruporti.