Qabar wieħed mistur fiċ-ċimiterju tal-Addolorata, forsi min jgħaddi minn biswitu f’xi jum ieħor ma jħarisx lejh darbtejn. Forsi ftit napprezzaw li l-erba’ individwi midfuna f’dan il-qabar għad għandhom sinjifikat qawwi fl-istorja tagħna.
Wenzu Dyer, Gużeppi Bajada, Manwel Attard, Carmelo Abela. L-erba’ persuni li flimkien ma’ eluf ta’ Maltin kienu l-protagonisti tal-irvellijiet tas-sebgħa ta’ Ġunju, elf digħa mija u dsatax. Bid-differenza li dawn l-erbgħa ma kellhomx ix-xorti li sentejn wara jaraw li l-karba tagħhom, instemgħet. Fis-sebgħa ta’ Ġunju elfejn u sbatax. Fis-skiet ta’ għodwa xemxija, il-kumitat festi nazzjonali poġġa girlanda ta’ fjuri mal-qabar tal-erba’ vittmi tas-Sette Giugno.
Iżda, għalfejn? Għalfejn għandna nagħtu ġieħ lil erba’ persuni li mietu f’irvell ta’ jumejn, meta madwar tletin sena wara tlifna eluf kbar fit-Tieni Gwerra? X’għamlu eżatt dawn l-erbgħa irġiel biex għadna ngħożżuhom sal-lum, tmienja u disgħin sena wara?
Fi kliem Peter Paul Ciantar, membru fil-Kumitat Festi Nazzjonali, “importanti wiehed jiftakar li dawn l-irvellijiet waslu lil pajjiżna ghall-ewwel kostituzzjoni ta pajjizna li ghal dak iz zmien kienet tajba. Magħrufa bħala dik tal-1921. Dawn huma missierijietna li fteħu daqsxejn il-bibien ta’ Malta u bdew jaraw lil pajjiżna bħala wieħed li mhux ta’ min jiċċajta miegħu, propju fis 7 ta’ Ġunju 1919”.