“Puttinu Cares hija t-tieni familja tagħna.” Dan intqal ma’ ONE News minn Josefa Sammut, omm ta’ żewġt itfal, li telgħet Londra għall-kura ’il fuq minn 50 darba.
Magħna, hi qasmet l-istorja tagħha li tmisslek qalbek, hekk kif spjegat li kull sitt ġimgħat għal għaxar snin kienet titla’ għall-kura f’Londra.
“Din hija ħaġa li aħna għalina kienet sajjetta fil-bnazzi. Kont normali għall-ġurnata tax-xogħol tiegħi, f’daqqa waħda ma bdejtx inħossni sew. Mort l-isptar, bdew it-testijiet, u l-ewwel ma setgħux isibu problema minn fejn kienet ġejja. Imbagħad, wara ammont ta’ xhur, indunaw x’kienet il-problema. Bdejna bit-trattamenti mħallta u aktar testijiet speċifiċi, u jirriżulta li għandni bżonn immur għal kura speċjalizzata ġewwa l-Ingilterra. Dak il-ħin tħoss id-dinja se taqa’ fuqek, għax barra li jgħidulek li ġejt diagnosed b’marda rari, u li mhemmx fejqan għaliha, għax din it-trattament tieħdu biex iżżomm il-kundizzjoni taħt kontrol, trid tara inti sejra għall-kura barra minn Malta, kif se tagħmel bit-tfal, min se jieħu ħsieb it-tfal, ix-xogħol, il-leave, ir-raġel kif se jkun jista’ jakkumpanjani hemmhekk.”
JOSEFA SAMMUT
Hi kompliet tgħidilna kif Puttinu semgħuhom u ggarantewlhom akkomodazzjoni attrazzata fl-Ingilterra. Aktar minn hekk, Sammut elenkat kif il-binja ġdida li qed tinbena fiċ-ċentru ta’ Londra se tkun aktar ta’ benefiċċju minħabba l-fatt li se tkun eqreb l-isptar fejn jiġu offruti t-trattamenti.
Għaliha, Puttinu hu t-tieni familja tagħha, u mingħajr l-għajnuna tagħhom, ħajjitha setgħet kienet differenti.
“Puttinu għalija jfisser ħafna, it-tieni familja tagħna. Tlajna aktar minn 55 darba f’temp ta’ għaxar snin. Kieku ma kienx hemm il-binjiet ta’ Puttinu ġewwa Sutton, kieku aħna ftaqarna, kważi kważi kien ikollna bżonn naħseb anke nbiegħu d-dar.”
JOSEFA SAMMUT