Kważi sena mindu beda l-invażjoni fl-Ukrajna, il-President Russu Vladimir Putin F’Moska llum wassal diskors magħruf bħala l-Istat tan-Nazzjon, fil-preżenza ta’ membri mill-Assemblea Federali.
Fid-diskors tiegħu, li dam aktar minn siegħa, Putin tefa’ l-ħtija fuq il-pajjiżi tal-Punent li qed jipprovokaw il-gwerra u qed jeskalaw is-sitwazzjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Il-President Russu, saħaq kif is-sanzjonijiet li qed jimponu fuq pajjiżu bosta gvernijiet, mhux qed jaffetwaw lir-Russja, dan fil-waqt li faħħar ħidmet is-suldati Russi u tenna kif il-Gvern tiegħu se jibqa’ jipprovdi kull għajnuna u sostenn lill-qrabathom.
Waħda mill-affarijiet ewlenin li ħabbar Putin, hija li se jkun qed jissospendi mill-ftehim li r-Russja għandha mal-Istati Uniti dwar il-kontroll ta’ armi kbar, fosthom l-armi nukleari.
Intant, ftit sigħat wara, wassal diskors il-President Amerikan Joe Biden li bħalissa jinsab fil-Polonja sabiex ifakkar is-sena mindu bdiet il-gwerra fl-Ukrajna.
Ta’ min ifakkar kif ilbieraħ Biden għamel żjara sorpriża fl-Ukrajna, ħaġa li l-midja internazzjonali qalet li dejqet lil Putin.
Fid-diskors tiegħu l-President tal-Istati Uniti qal kif il-Gvern tiegħu mill-ewwel ġurnata ta l-għajnuna lill-Ukrajna u saħansitra lbieraħ ħabbar pakkett ta’ nofs biljun dollaru.