Pajjiżi Afrikani huma vittmi innoċenti tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Qal dan il-Kap tal-Unjoni Afrikana f’laqgħa ma’ Vladimir Putin li ttellgħet fir-Russja.
Wara diskussjonijiet li saru f’Sochi, Macky Sall qal li l-mexxej Russu kien sostna li se jtaffi r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-qamħ u l-fertilizzanti, iżda ma ta ebda dettalji.
Putin ċaħad li Moska kienet qed twaqqaf portijiet Ukreni milli jesportaw il-qamħ.
Aktar minn 40% tal-qamħ ikkunsmat fl-Afrika normalment jiġi importat mir-Russja u l-Ukrajna. Iżda l-portijiet Ukreni min-naħa tal-Baħar Iswed ġew imblokkati fil-maġġoranza tagħhom minn meta beda l-kunflitt.