Il-President Russu Vladimir Putin ordna t-truppi tiegħu biex jidħlu fir-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk.
Dan għamlu ftit wara li hu ddikjara lil dawn iż-żewġ reġjuni, li huma mmexxija mis-separatisti, bħala indipendenti.
Ir-Russja stqarret li qed tagħmel dan biex iżomm il-paċi fiż-żewġ reġjuni, raġuni li bosta pajjiżi tal-Punent qed iqisuha bħala skuża biex ir-Russja tinvadi l-Ukrajna.
Fil-fatt, il-militar Ukren ħabbar li diġà nqatlu żewġ suldati filwaqt li 12 oħra ndarbu minn separatisti favur ir-Russi fl-aħħar ħin.
L-Istati Uniti diġà waqqaf il-kummerċ li għandu mar-Russja bħala parti mis-sanzjonijiet, li ffirma għalihom il-President Amerikan Joe Biden ilbieraħ filgħaxija.
Biden iffirma dawn is-sanzjonijiet b’reazzjoni għal dak li ħabbar Putin ilbieraħ stess.
Franza u l-Ġermanja wkoll qablu li se jkunu qed iwieġbu b’sanzjonijiet; filwaqt li r-Renju Unit se jkun qed iħabbar is-sanzjonijiet aktar tard illum.
Fil-fatt, anke l-Unjoni Ewropea mistennija li timponi sanzjonijiet hekk kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li dak li qed tagħmel ir-Russja huwa teddid sfaċċt fuq il-liġi internazzjonali.