Wara summit bejn iż-żewġ mexxejja tal-akbar żewġ potenzi fid-dinja, il-President Russu Vladimir Putin ddeskriva lill-President Amerikan Joe Biden bħala statista ta’ esperjenza.
Huwa qal dan f’Ġinevra, fl-Iżvizzera, meta kien qed jindirizza l-midja wara laqgħa ta’ diskussjoni bejn Biden u Putin li ħadet madwar sagħtejn.
Putin qal li ż-żewġ mexxejja taż-żewġ qawwiet fid-dinja tkellmu fid-dettall.
Huwa żied jgħid li din hija xi ħaġa li ma ssirx ma ħafna mill-politikanti.
Il-President Russu qal li Biden huwa ferm differenti mill-predeċessur tiegħu, Donald Trump.
Meta mistoqsi dwar l-arrest ta’ Navalny, Putin wieġeb li Navalny kien jaf li kiser il-liġi Russa u li kien jaf x’jiġri meta mar lura pajjiżu.
Intant, Putin ta’ x’jifhem li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jilħqu kompromess dwar skambju ta’ priġunieri, madanakollu ma ta l-ebda dettalji.
Fl-aħħar nett huwa tenna li ħadd minnhom ma stieden lil xulxin, Putin qal li l-ewwel irid ikun hemm relazzjoni aħjar bejn l-Istati Uniti u r-Russja; madanakollu, tenna li l-laqgħa tal-lum kienet waħda pożittiva u li tgħati tama li jkun hemm fiduċja reċiproka.
Dan is-summit se jġib fi tmiemu l-ewwel vjaġġ tal-President Amerikan fl-Ewropa.