F’indirizz fuq it-televiżjoni nazzjonali, il-mexxej Russu Vladimir Putin qal li r-Russja kienet qed twettaq testijiet ta’ kumbattament bis-sistema l-ġdida ta’ missili wara attakki mill-Ukrajna bl-użu ta’ missili Amerikani u Brittaniċi.
Huwa tefa’ l-ħtija ta’ dak li rrefera għalihom bħala “azzjonijiet aggressivi tal-pajjiżi tan-NATO”, għar-raġuni għax ir-Russja ttestjat missila ġdida ta’ medda intermedja f’attakk fuq l-Ukrajna.
FL-attakki tal-Ħamis fuq Dnipro bl-użu tal-missila ġdida Oreshnik ġew feruti mill-inqas żewġ persuni u għamlu ħsara fuq faċilità industrijali kif ukoll ċentru ta’ riabilitazzjoni għal persuni b’diżabilità.
Putin qal li l-miri għal-aktar testijiet ta’ din il-missila ġdida jiġu determinati abbażi tat-theddid għas-sigurtà tal-Federazzjoni Russa. Huwa qal li issa huma intitolati li jużaw l-armi Russi kontra l-faċilitajiet militari ta’ dawk il-pajjiżi li jippermettu li l-armi tagħhom ikunu użati kontra l-faċilitajiet tar-Russja. Tenna jgħid li fl-eventwalità ta’ eskalazzjoni ta’ azzjonijiet aggressivi, kienu se jirrispondu b’mod daqstant deċiżiv u bl-istess linja. Huwa bgħat ukoll twissija sabiex dawk il-mexxejja tal-pajjiżi li qed jippjanaw biex jużaw il-kontinġenti militari tagħhom kontra r-Russja jaħsbuha sew qabel ma jagħmlu hekk.