Il-President Russu, Vladimir Putin qal li lista ġdida ppubblikata mill-Istati Uniti bħala parti mil-liġi ta’ sanzjonijiet għandha l-mira li tolqot l-poplu Russu kollu.
Il-lista ssemmi mitejn u għaxar persuni għolja Russi bħala parti minn liġi maħsuba li tikkastiga l-Moska bl-indħil fl-elezzjoni Amerikana. Minkejja dan, l-Istati Uniti saħqet li dawk imsemmija ma kienux suġġetti għas-sanzjonijiet il-ġodda.
Putin qal li l-lista kienet att xejn favorevoli li kkumplika r-rabtiet tal-Istati Uniti u r-Russja iżda sostna li ma jridx jeskala s-sitwazzjoni. Huwa żied jgħid li r-Russja għandha minflok taħseb fuq l-ekonomija tagħha u ma tagħtix kas tal-Istati Uniti.