Illum il-President tar-Russja Vladimr Putin u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un iltaqgħu għal taħditiet f’bażi Russa fil-Lvant imbiegħed tal-pajjiż.
Din il-laqgħa li ġibdet l-għajnejn tal-ġurnalisti, analisti politiċi u storiċi minn kull kantuniera tad-dinja, qed titiqies bħala waħda perikoluża. Dan hekk kif kollox jindika li ż-żewġ qawwiet ftehmu dwar forniment ta’ armamenti lejn ir-Russja, inkluż biex jintużaw fil-Gwerra mal-Ukrajna.
Dawk li qed isegwu mill-qrib l-gwerra qalu kif dan il-ftehim jista’ jibdel l-andament tal-konflitt u li jsir aktar perikoluż milli diġà hu. Fil-fatt kien hemm bosta kundanni għal din il-mossa li wettaq Putin fl-istess ħin li għexieren ta’ Ukreni qed jinqatlu mit-truppi tiegħu stess.
Iż-żewġ pajjiżi qalu li hemm relazzjoni speċjali bejniethom, b’Kim Jong Un jgħid li l-ħbiberija mar-Russja hi prijorità għall-politika internazzjonali li jħaddan pajjiżu.
Filwaqt li ma ngħata l-ebda dettal dwar x’ġie diskuss, Putin qal li hemm possibbiltajiet li jkun hemm koperazzjoni militari bejniethom, liema ftehim se jkun inkorporat taħt l-umbrella u jirrispetta l-obbligazzjonijiet internazzjonali.
Iż-żewġ pajjiżi ddiskutew ukoll il-qasam tal-agrikoltura, bil-President Russu jgħid li pajjiżu għandu ferm x’joffri lill-Korea ta’ Fuq.
Kim Jong Un żar ukoll numru ta’ bliet Russi.
Sadanittant, waqt li kienu għaddejjin dawn id-diskussjonijiet u bħala parti mill-kontro-offensiva tagħha, ir-Russja qalet li l-Ukrajna attakkat il-flotta Russa fil-Baħar Iswed permezz ta’ għaxar missili.
L-attakk qered waħda mit-tarzni li hemm fl-inħawi u ħalla 24 persuna midruba.