L-istrateġija militari ta’ Vladimir Putin aktarx tinkludi skwadra ta’ dniefel li ġew imħarrġa biex jattakkaw lill-għaddasa tal-għadu.
Għalkemm dawn l-ispekulazzjonijiet ilhom għaddejjin, intensifikaw wara l-aħħar daqqa ta’ ħarta għall-isforzi tal-President Russu. Fis-sigħat li għaddew splodiet sezzjoni tal-Pont ta’ Kerch, li jgħaqqad lir-Russja mal-Krimea: attakk suspettat li sar mill-Ukrajna.
Rapporti f’diversi mezzi internazzjonali tax-xandir qed jgħidu li l-President Russu qed juża dniefel mħarrġa b’mod militari. Allegatament ġew imħarrġa biex jinterċettaw f’każ ta’ bżonn, b’rapporti jgħidu li l-mammiferi qed jgħassu l-ilmijiet madwar Azov u l-Baħar l-Iswed, lesti biex jikkaċċjaw lil min jipprova jikkuntrarja lill-militar Russu.
Filwaqt li dawn ir-rapporti minn mezzi tax-xandir bħal The Guardian mhumiex ikkonfermati, qamet aktar spekulazzjoni dwar l-użu tal-mammiferi meta stampi bis-satellita wrew żewġ gaġeġ tad-dniefel imċaqalqa lejn il-bażi navali tal-port ta’ Sevastopol tar-Russja – fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Krimea – fi Frar ta’ din is-sena.