Il-kordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono kellu kliem iebes fil-konfront tal-fazzjoni li tbiegħdet mill-Kap Adrian Delia. Intervista waqt il-programm in depth fuq The Malta Independent, Debono kien skjett u qal lil dawn id-deputati put up or shut up, issaportu jew inkella isktu.
“Se nkun ċar daqs il-kristall, jekk hemm min huwa fil-Grupp Parlamentari, jien il-messaġġ tiegħi huwa ċar. Put up, or shut up. Dan mhux lok kif inwasslu l-politika, mhux postok fil-politika, u mhux postok fil-Partit Nazzjonalista”.
Debono fakkarhom ukoll li huma ma jistgħux ineħħu ‘l Delia minn Kap tal-partit:
“Il-Membri Parlamentari ma jistgħux ineħħu l-Kap tal-Partit minn Kap tal-Partit. Jistgħu l-aktar jekk ikollhom il-maġġoranza, imorru għand il-President u jitolbu biex jinbidel”.
Hawnekk huwa saħansitra wera l-bieb ta’ barra lid-Deputati li ma jaqblux mal-Kap tagħhom:
“Biex ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni irid ikollu 16-il firma mill-membri tal-Oppożizzjoni. Jekk ma jkollux dak jieqaf, jiġbed il-ħabel jew jagħmel xogħolu. Jekk ma jogħġbux il-Partit Nazzjonalista mhux il-post fejn qiegħed, il-bieb ta’ barra jaf fejn qiegħed”.
Din il-frażi reġa rrepetiha meta qal li min ma jaqbilx ma’ Adrian Delia mhux postu fil-PN:
“M’hemmx lok għal min joqgħod jagħmel il-bastun fir-rota. Min qed jagħmel il-bastun fir-rota, jitfa’ l-ġebla u jaħbi jdejh. Mhux postu fil-Partit Nazzjonalista”.
Dwar ir-rapporti fil-media mdawra mal-Kap Adrian Delia, Debono qal li l-media qed jisquha dawk li jridu jkissru l-Partit. Debono kkonferma wkoll li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Delia jinsab taħt assedju.
Mistoqsi dwar għalfejn mhux jiltaqa’ l-grupp Parlamentari, huwa qal li bħalissa ma kienx hemm bżonn li jiltaqa’ u kkonferma wkoll li waqt l-aħħar laqgħa m’attendiex kulħadd.
Semma wkoll kif din l-attitudni fil-Partit Nazzjonalista għadha ma nbidlitx minn żmien il-kampanja tal-kap ġdid.