Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis u l-Ispeaker Anġlu Farrugia attendew għall-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa f’San Vinċenz de Paul.
Din il-purċissjoni tittellgħa mill-Kumitat Ġimgħa l-Kbira San Vinċenz u bdiet issir fl-aħħar għaxar snin. Din is-sena ħadu sehem f’din l-attività 340 persuna fosthom 60 ħaddiem, familjari u voluntiera minn diversi parroċċi, bil-parteċipazzjoni tal-Banda Trinità Mqaddsa tal-Marsa, ir-Rumani Ħal Luqa, il-Fratellanza Madonna tal-Karmnu Żurrieq, San Ġorġ Ħal Qormi, Santa Marija tal-Mosta u l-Vestwarju ta’ Ħal Qormi. Għal din l-attività attendew ir-residenti ta’ San Vinċenz de Paul, residenti minn djar oħrajn, familjari u ħbieb ta’ dawn l-anzjani.
Il-vari, li huma parti mill-purċissjoni, huma xogħol Michael Bonnici, impjegat f’San Vinċenz de Paul. Il-ħwejjeġ u x-xogħol tal-metall huma xogħol Tony Zammit u l-armar tal-knisja kien magħmul minn Manwel Desira. Il-purċissjoni tmexxiet minn Charles Sammut.
Attivitajiet bħal dawn iżommu lill-anzjani attivi u jgħixu b’mod dinjituż. Din il-purċissjoni tagħti wkoll l-opportunità lill-anzjani biex igawdu t-tradizzjonijiet Maltin u l-aspett spiritwali tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-attivitajiet iżidu l-atmosfera biex San Vinċenz de Paul ma tkunx biss residenza fejn l-anzjani jieħdu kura medika fit-tul iżda anke biex ikollhom ambjent li jgħinhom iħossuhom aħjar.