Bħalissa fiċ-ċentru għas-settur tal-volontarjat fir-Rabat qed tittella’ wirja fotografika bl-isem ‘Pura Vida’, sal-1 ta’ Frar li ġej. Il-wirja turi l-ħajja selvaġġa tal-Costa Rica, bir-ritratti jittieħdu minn membri tal-organizzazzjoni mhux governattiva Nature in Perspective, li tispeċjalizza fil-fotografija tan-natura.
Raymond Borg, Hubert Theuma, Henry Camilleri, Jonathan Pullicino Gauci u Kimberly Pullicino Gauci vvjaġġaw lejn il-Costa Rica is-sena li għaddiet fejn żaru diversi parks nazzjonali fil-pajjiż.
Kienet din l-esperjenza li ispirat lill-fotografi f’dawn ir-ritratti u l-wirja biex kulħadd f’pajjiżna jkun jista’ jammira tali għeġubijiet naturali.
It-tnedija tal-wirja saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo.
Ġie enfasizzat kif dawn iċ-ċentri qed jaqdu lill-komunità biex iwasslu l-messaġġ ta’ diversi għaqdiet.
“Għal darb’oħra, qed nilqgħu fiċ-ċentru tal-volontarjat esebizzjoni oħra, din id-darba ta’ fotografija, b’tali mod li hi l-aspett versatili tal-istess ċentri li jkompli joħroġ.”
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv, MCVS
Fil-kummenti li tat il-Ministru Farrugia, hi qalet li dawn il-binjiet huma disponibbli b’xejn, fejn speċjalment fil-binja tar-Rabat, qed tilqa’ diversi għaqdiet b’attivitajiet u wirjiet diversi.
“Din il-wirja tissimbolizza r-reżiljenza tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna mhux biss mill-aspett artistiku, li kapaċi jtellgħu xogħol ta’ livell internazzjonali u jwassal il-messaġġ tal-Gvern dwar l-importanza tal-versatilità taċ-ċentri li aħna għandna f’Malta għall-għaqdiet volontarji.”
Il-Ministru, Julia Farrugia