Il-pupa li titkellem u tinteraġixxi mal-istudenti biex jitgħallmu jaqraw bl-aktar mod divertenti permezz tal-intelliġenza artifiċjali, qiegħda fil-proċess biex issib ruħha fuq il-bank tal-iskola ta’ studenti bejn it-tmien u l-għaxar snin.
Bħalissa qed issir riċerka u testijiet biex tkompli l-ħidma favur l-litteriżmu f’pajjiżna permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, David Muscat.
Huwa fissrilna: “Il-puppet jirrispondi lura jekk it-tifel u t-tifla tkun qalet il-kelma tajjeb jew le, skont x’qiegħda turi l-istampa, wara numru ta’ provi t-tifel jew it-tifla forsi ma ġġibhiex mill-ewwel tajba mbagħad il-pupazz jirrispondi lura jekk iġġibha ħażina xi tkun il-kelma li qiegħda turi l-istampa.”
Il-proġett qed isir b’kollaboarzzjoni bejn l-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, iċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Università ta’ Malta u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, u huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu.
Il-Professur Charles Mifsud, Kap taċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Università, spjega kif l-intelliġenza artifiċjali se tgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-istudenti.
Huwa stqarr: “Għalhekk qed naraw kif norbtu programmi tal-litteriżmu fejn it-tfal qed jieħdu gost jaqraw u ndaħħlu element ta’ intelliġenza artifiċjali, fejn permezz ta’ pupazzi li jkunu qed jitkellmu mat-tfal, nuruhom kif jistgħu anke jaslu biex jaqraw b’mod aktar interessanti u divertenti.”