“There can be no peace while poverty, especially extreme poverty, still exists.”
Kien b’dan il-kliem li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu meta għall-ħames darba ndirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan fl-istess jum li f’pajjiżna sar magħruf kif matul l-aħħar sena, il-persuni f’riskju ta’ faqar naqsu bi kważi disat’elef. Riżultat, innota l-Prim Ministru, ta’ Gvern li jsejjes il-ħidma tiegħu fuq erba’ prinċipji : il-mobiltà soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u l-għaqda.
Il-Prim Ministru nnota kif futur prosperu ma jistax ma jkunx akkumpanjat minn soċjetà inklussiva, hekk kif nies li jgħixu bil-biżà ma jisfruttawx il-potenzjal tagħhom, u ma jgħixux fil-paċi. Hawnhekk irrimarka kif Malta tista’ sservi t’eżempju għal pajjiżi oħra, hekk kif pajjiżna jinsab fil-quċċata ta’ dawk bi drittijiet indaqs – speċjalment fejn jidħlu drittijiet għal persuni LGBTIQ.
Il-Prim Ministru elenka numru ta’ miżuri li ntroduċa tal-Gvern bil-għan li aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol; u bi kburija nnota li pajjiżna huwa l-unika wieħed fl-Ewropa li jipprovdi servizz ta’ childcare b’xejn għall-ġenituri kollha li jaħdmu. B’dil-miżura u oħrajn fl-isfond, il-Prim Ministru tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern għal li ġej – biex dak miksub ikompli jissaħħaħ.
F’New York Joseph Muscat tenna li n-Nazzjonijiet Magħquda hija protagonista fejn tidħol il-paċi internazzjonali, u sostna li kull pajjiż għandu rwol x’jilgħab – sabiex jassigura dinja aħjar, aktar sostenibbli u ddominata mill-paċi.
Għal aktar dettalji segwu l-bulettin tal-aħbarijiet ta’ 19:30 fuq ONE Tv.