Gzira United u Birkirkara ħadu punt kull wieħed f’logħba li ftit li xejn ħolqot entużjażmu għal riżultat li prattikament ma ssodisfa lil ebda team għalkemm għal Gzira l-punt miksub kompla jbegħdhom miż-żona tar-relegazzjoni.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu proprju fit-tieni minuta meta freekick ta’ Thiago Espindola ġie salvat f’corner mill-goalkeeper Karkariż Zapytowski.
Fl-14-il minuta Birkirkara wieġbu bi freekick ta’ Paul Mbong li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Maroons Zarkov.
Fit-28 minuta reġa’ kien freekick ieħor ta’ Mbong li wasal għand Alessandro Coppola iżda dan minn qagħda tajba xi ftit angolata ra x-xutt tiegħu jgħaddi tul il-lasta u jmur ftit barra.
Fl-34 minuta l-lasta l-wieqfa ċahhdet lil Lucas Ribeiro De Oliveira milli jiftah l-iskor għall-Gzira minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Espindola.
Fit-tieni taqsima l-logħba ma tantx tjiebet bil-Maroons jerġgħu joħolqu l-ewwel periklu fil-55 minuta meta xutt mill-bogħod ta’ Ribeiro De Oliveira għadda kemm kemm għoli.
Fit-73 minuta Paul Mbong qassam lejn Andrei Ciolacu li naqas li japprofitta anzi ffawlja lill-Zarkov li ħareġ tajjeb jinterċetta.
Erba’ minuti wara reġgħu kienu Gzira li ħolqu azzjoni tajba permezz ta’ Ribeiro De Oliveira li kkrossja għan-nofs imma Kurt Zammit irnexxielu jikklerja l-periklu.
Fil-ħin miżjud wasal ċans tad-deheb ghall-Maroons meta reġa’ kien Ribeiro De Oliveira li qassam lis-sostitut Brooklyn Borg imma dan xeħet barra minn qagħda ideali.
Referee: Matthew Degarbrielle
BOV Plejer tal-Logħba: Paul Mbong (Birkirkara)