Pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili talbu għall-assistenza tal-Pulizija wara li allegatament lemħu xi nies jiġru ‘l barra minn żona li kienet għadha li reġgħet tkebbset bin-nirien fil-Miżieb. Il-pumpiera kienu reġgħu ssejħu fil-Masġar tal-Miżieb wara li qattgħu l-jum tas-Sibt jitfu żona ta’ madwar 50 tomna ta’ nirien.
Sorsi tagħna qrib il-Korp tal-Pulizija kkonfermaw magħna li daħlitilhom sejħa għall-għajnuna mill-Protezzjoni Ċivili ftit qabel il-23:00 tas-Sibt filgħaxija. Qalulna li l-Pulizija marru fuq il-post sabiex jinvestigaw jekk dawn in-nirien tal-lejla kienux tqabbdu apposta.
Matul il-ġurnata tas-Sibt għexieren ta’ pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili u tas-St John Rescue Corps flimkien ma’ membri tal-FKNK għamlu ħilithom kollha sbaiex ikkontrollaw nirien qawwija li kienu ħakmu dan il-masġar. In-nirien bdew jiġu kkontrollati għall-ħabta tat-20:00 madankollu l-ħidma mistennija tibqa’ għaddejja matul il-lejl kollu sabiex jintfew dawk li jissejħu bħala hotspots madwar il-50 tomna ta’ art li nħarqet.