L-għaqda studenteska Pulse laqgħet l-appell tal-Fondazzjoni Marigold biex tinħoloq iktar kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider, u fil-Junior College nediet kampanja ta’ għarfien.
L-istudent Jaden Dimech spjega kif Pulse żammew it-tema Face Your Fear, u permezz ta’ kampanja ta’ għarfien online se jkabbru l-kuxjenza dwar din ir-realtà, biex f’din il-missjoni ikunu protagonisti.
Fl-istess waqt se jitqassmu żigarelli roża ta’ Pink October. Dan ma’ għotja ta’ donazzjoni li tmur għall-Pink October Malta:
“Bħala għaqda li dejjem hemm għal kull student u għan-nies in ġenerali, ħassejna l-bżonn li ningħaqdu mal-Marigold Foundation u nagħtu d-donazzjoni flimkien mal-istudenti kollha tal-Junior College, biex inkabbru l-awareness u ngħinu lil min hu fil-bżonn”.
Min-naħa tagħha, is-sinjura Michelle Muscat raddet ħajr lill-istudenti, u tenniet l-appell tagħha biex niċċekkjaw lilna nfusna, u nitkellmu f’każ li ninnutaw xi ħaġa li ma tkunx f’postha, xi ħaġa li tapplika fil-parti l-kbira lit-tfajliet u n-nisa, imma anke lill-irġiel.
Fl-istess okkażjoni, is-sinjura Muscat awgurat lill-istudenti l-isbaħ xewqat għall-futur tagħhom, u permezz tal-programm fl-iskejjel, offriet donazzjoni ta’ vouchers lil din l-iskola biex l-istudenti jkomplu jikbru anke fil-qari.