Wara xhur ta’ tħejjija u ta’ konsultazzjoni, l-għaqda studenteska Pulse nediet “The Student Fund” – proġett li joffri tama u għajnuna lil studenti fl-Università u Sixth Form li qed isofru minħabba inġustizzji soċjali.
Pulse tixtieq li tisfrutta l-potenzjal u l-enerġija żagħżugħa tal-membri tagħha sabiex tagħmel differenza siniffikanti fil-ħajja ta’ dawk li huma anqas ixxurtjati u finanzjarjament ristretti.
Jemmnu li s-sistema nnifisha għandha tinkoraġġixxi li wieħed ifittex u jsib l-għajnna meta jkun fil-bżonn. Il-President Wayne Sammut qal li dan se jkun proġett kontinwu u mhux ħaġa ta’ darba, biex verament ikun hemm għajnuna lil dawn il-każijiet li mhux dejjem joħorġu fil-beraħ.
Ma’ one.com.mt Sammut stqarr li ‘l quddiem se jkunu qed juru iżjed biċ-ċar kif se jibdew jinġabru flus għall-studenti li għandhom bżonn iżjed għajnuna biex jirnexxu f’ħajjithom.
Żied jgħid “nemmnu li kulħadd ħaqqu l-aqwa edukazzjoni possibbli u għalkemm ċerti li diġa’ qed isir hafna xogħol favur l-istudenti, sfortunatament hemm min l-istipendju u s-supplementary grant xorta waħda mhux biżżejjed għalih. U dawk huma n-nies li ser inkunu qed ngħinu, permezz ta’ board mill-MCCF u l-flus li se jinġabru minn avvenimenti ta’ ġbir ta’ flus, fost oħrajn”.
L-MCCF infatti se jkollha board professjonali b’social workers u bħal ma jiġu mqassma l-fondi li jinġabru fl-Istrina, se jiżguraw li jekk student għandu kawża ġusta u ma jistax jixtri affarijiet li jgħinuh fl-edukazzjoni, jingħata l-għajnuna.
Il-Kap tal-Junior College Paul Xuereb qal li dawn l-inizjattivi huma eżempju ta’ kemm l-istudenti jifilħu jkunu magħquda bejniethom. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca faħħret dawn l-isforzi u qalet li huma turija ta’ kemm wieħed jiġi bżonn lill-ieħor fis-soċjetà.