F’Ta’ Qali għaddej proġett ambjentali enormi, li qed jieħu l-forma tiegħu l-akbar park nazzjonali f’pajjiżna. Dan b’investiment massiċċ favur l-ambjent ta’ €70 miljun u huwa miftuħ għall-familji 24 siegħa kuljum.
Dan ħareġ fil-gazzetta KullĦadd, fejn tkellmet ma’ Jason Micallef, li jmexxi t-Taqsima speċjalizzata li tieħu ħsieb il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Micallef sostna li din ir-riġenerazzjoni qed issir f’fażijiet differenti, li fosthom hemm żona li tesa’ 21 grawnd tal-futbol, li qabel kienet żona mitluqa, fosthom b’fabbriki mibnija llegalment u llum hija parti mill-ġnien formali u anki l-bini taż-żona tal-kunċerti, li għandha tkun lesta sas-sena d-dieħla.
“Imbagħad għandek din iż-żona, fejn qegħdin aħna, din hija magħmula għall-jogging, għall-attività fiżika, għall-attivitajiet kulturali, soċjali, pikniks – li żiedna ħafna iktar iż-żona tal-pikniks, il-faċilitajiet.”
Micallef sostna li bid-differenza ta’ spazji ħodor oħrajn, dan huwa miftuħ il-ħin kollu.
“Dan huwa l-ewwel ġnien pubbliku enormi, bid-differenza ta’ dawk kollha li jeżistu fil-pajjiż bħalissa. Neħħejna l-barriers kollha, neħħejna l-fencing kollu, neħħejna l-gates kollha u hawnhekk miftuħ lejl u nhar, mit-Tnejn sal-Ħadd.”
Dan filwaqt li dan il-park għandu sistema avvanzata ta’ sigurtà u s-sistema ta’ dawl hija waħda sostennibli; l-anqas li jniġġes.
Micallef qal f’din l-intervista li dan il-park nazzjonali, li huwa simili għal dak li naraw barra minn xtutna, huwa magħmul biex jitgawda fl-istaġuni kollha tas-sena mill-pubbliku.
Ma’ Jason Micallef tkellimna wkoll dwar iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ dan l-ispazju pubbliku.
“Dan huwa spazju enormi u naturalment fih sfidi kbar: sfidi ekonomiċi u finanzjarji kbar illi qed jinvesti fihom ħafna l-Gvern u jiena nirringrazzja ħafna lill-Ministeru tal-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi, taħt id-direzzjoni tal-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, li jtina appoġġ kbir biex naturalment iż-żamma u l-manutenzjoni kontinwa hawnhekk qed tibqa’ għaddejja.”
Fost ix-xogħol li għaddej hemm it-tisqija, tħawwil, manutenzjoni u anki ħasil u tindif, b’affarijiet sanitarji ġodda.
Apparti l-ispazju pubbliku aħdar li joffri dan il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali hemm ukoll żoni kulturali u artisti, li permezz tagħhom jista’ jgawdi l-pubbliku Malti u Għawdxi. Dan hekk kif sar rinovar tal-anfiteatru u taħtu hemm post fejn hemm ħafna faċilitajiet; fosthom fejn isiru r-rehearsals, make-up room u showers.
F’dan il-park nazzjonali hemm spazju wkoll biex wieħed jesebixxi l-arti u f’dan l-ispazju aħdar jistgħu jsiru wkoll tiġijiet, biex b’hekk fi kliem Jason Micallef, dan huwa post li jista’ jitgawda minn kulħadd.