71 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz.
109 membri u eks-membri tal-Korp ingħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena ta’ servizz, filwaqt li 10 membri u eks-membri tal-Korp ingħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.
F’kelmtejn tal-okkażżjoni, il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-uffiċjali tas-servizz tagħhom lill-Maltin u l-Għawdxin.
Huwa spjega kif il-Korp tal-Pulizija għaddej minn proċess ta’ bidla hekk kif qed tiġi implimentata l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni li se twassal biex ikollna Korp aktar b’saħħtu u modern.
Għaldaqstant, huwa appella lill-uffiċjali sabiex huma wkoll jixprunaw din il-bidla bil-għan li jkollna Korp tal-Pulizija li huwa aktar viċin in-nies.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-okkażjoni tal-lum huwa rikonoxximent lejn dawk l-uffiċjali li taw snin twil ta’ servizz b’mod effiċjenti.
Huwa qal li kull membru, min għadu jservi fil-Korp u dawk li rtiraw bis-snin, għandhom iħossuhom kburin bil-ħidma tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.