Adelaide Ellul, ta’ tnejn u erbgħin sena mir-Rabat u li taħdem bħala uffiċjal tal-Pulizija, ġiet immultata għoxrin elf ewro wara li nstabet ħatja li użat informazzjoni dosponibbli għall-Korp tal-Pulizija biex fittxet fuq persuni bla awtorizzazzjoni ladarba din ma kinitx marbuta ma’ xi investigazzjoni.
Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, Ellul ġiet mixlija li fl-2021 ħadet tagħrif u kixfet informazzjoni, li qatt ma kellha toħroġ.
Jirriżulta li investigazzjoni interna fil-Korp kienet inbdiet wara li, fi proċeduri fil-Qorti kontra persuna oħra, id-difiża kienet staqsiet dwar min ressaq ir-rapport kontrih, bil-prosekuzzjoni tissuspetta li l-informazzjoni setgħet ħarġet minn ħdan il-Pulizija stess.
Hawn ġie konkluż li kienet l-akkużata li għaddiet dan it-tagħrif lill-avukati tar-raġel, li f’dak iż-żmien kien f’relazzjoni magħha.