Rabti ta’ 36 sena nħeles minn kull akkuża miġjuba fil-konfront tiegħu wara li tressaq il-Qorti akkużat li disa’ snin ilu wera filmati pornografiċi lil bintu li dak iż-żmien kellha erba’ snin. Akkużi li nġiebu fix-xejn hekk kif fil-Qorti ġie stabbilit li ma kienu xejn għajr rapporti foloz minn martu li hi uffiċjal tal-Pulizija.
Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli li kkorrompa sesswalment lil bintu f’żewġ okkażjonijiet differenti. Darba waqt li bintu kienet miegħu u darba meta mobile ingħatalha bħala rigal.
Permezz ta’ video-conference, it-tifla xehdet li tiftakar drabi meta waqt li kienet fid-dar ta’ missierha, hu kien ra xi ritratti indiċenti fuq il-mobile tiegħu; u żiedet tgħid li kienet waqqfitu u bdiet tgħatti għajnejha.
B’ reazzjoni għal dan, l-akkużat ammetta li darba ra dawn il-filmati oxxeni iżda aċċerta lill-Qorti li ħassar dan il-materjal qabel għadda l-mobile lil bintu.
Wara għadd ta’ mistoqsijiet lit-tifla, il-Maġistrat Audrey Demicoli ddikjarat li kienet moralment konvinta li din ma kinitx qed tgħid il-verità, iżda li kienet qed tirrepeti biss kliem li qalilha ħaddieħor.
Il-Maġistrat żiedet tgħid li l-Qorti ssibha diffiċli temmen li tifla ta’ 10 snin kienet kapaċi tirrakkonta b’mod dettaljat dak li rat madwar sitt snin ilu fil-filmati ta’ missierha.