Tliet uffiċjali Maltin, li jifformaw parti mit-tim tal-Pulizija għall- komunità, fl-aħħar jiem żaru l-Pulizija ta’ Thames Valley, f’Milton Keynes, fir-Renju Unit.
L-għan taż-żjara kien sabiex l-uffiċjali Maltin jiksbu għarfien aħjar dwar ir-rwol li se jkollhom il-Police Patrol and Community Support Officers, li se jibdew jagħtu servizz f’Malta. Matul iż-żjara, l-uffiċjali Maltin ħadu sehem f’rondi f’diversi lokalitajiet qalb il-komunità u ħadu ukoll esperjenza siewja minn kif jaħdmu l-Police Patrol and Community Support Officers tar-Renju Unit.
Il-konsulent tal-Pulizija għall-Komunità tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, Chris Bull qal li n-neighbourhood policing f’Malta qed jissaħħaħ u l-uffiċjali Maltin qed jaħdmu biex il-komunitajiet tagħna jkunu aktar siguri.
Fil-kummenti tiegħu, Bull żied jirringrazzja lill-pulizija tal-lokal ta’ Milton Keynes, talli qasmu l-aħjar prattika tagħhom u ħadmu mal-uffiċjali Maltin.
Ir-rwol tal-Police Patrol and Community Support Officers hu li jaħdmu id f’id mal-Pulizija fil-komunitajiet billi jiffukaw fuq l-assistenza u jindirizzaw offiżi żgħar.

