Lejliet il-Milied kien wieħed traġiku għal familja Camilleri fl-Istati Uniti, hekk kif il-Pulizija b’dixxendenza Maltija, Andrew Camilleri, inqatel traġikament waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Dan wara li kien ilu jservi bħala Pulizija biss għal dawn l-aħħar sittax-il xahar.
Camilleri, ta’ tlieta u tletin sena inqatel fl-istat ta’ Kalifornja minn żgħażugħ ta’ tnejn u għoxrin sena, li kien qed isuq vettura b’veloċità ta’ mijja u ħamsin kilometru fis-siegħa. Il-vettura taż-żagħażugħ ħabtet mal-vettura tas-servizz li Camilleri kien qiegħed passiġġier fiha.
Intqal li x-xufier kien qed isuq taħt l-influwenza tad-droga u x-xorb.
Huwa mifhum li l-bużnanniet tiegħu emigraw minn Malta għall-Istati Uniti fis-snin għoxrin. Andrew Camilleri kien jgħix fost komunità Maltija fid-distrett ta’ Bay View, flimkien ma’ martu Rosanna u t-tliet uliedu.
Andrew Camilleri ingħata l-aħħar tislima mill-kollegi tiegħu, fil-preżenza ta’ martu, uliedu, ommu u l-kollegi tal-Akkademja.
Il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin ikkonferma din l-istorja, u d-dixxendenza ta’ Camilleri.