Erba’ rġiel mill-Ġorġja ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn djar f’diversi lokalitajiet.
Huma ġew arrestati lbieraħ filgħodu, wara li l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta wasslu biex jiġi identifikat grupp ta’ persuni barranin imdaħħlin f’allegat kriminalità organizzata.
Sar moniteraġġ ukoll tal-vettura li kienu jużaw dawn l-irġiel fl-allegat att kriminali li kienu jwettqu.
Kuntistabbli tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li dak il-ħin ma kienx xogħol innota l-vettura mfittxija f’San Pawl il-Baħar.
Huwa talab l-assistenza u fi ftit ħin, il-vettura ġiet imwaqqfa mill-Pulizija u ż-żewġt irġiel ta’ ġo fiha ġew arrestati.
Minn aktar stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-irġiel jgħixu l-Qawra u hemmhekk ġew arrestati ż-żewġt irġiel oħra.
Instabu wkoll l-affarijiet li kienu rrapportati misruqa.